It-III Ħadd tar-Randan
Jien naqra stramb meta mmur nixtri. Normalment nkun irrid noqgħod waħdi, nara l-affarijiet bil-kwiet, niċċekkja, naħseb, nipprova, nagħżel. Jekk jiġi xi ħadd fuqi mimli entużjażmu biex ibiegħ u jgħidli: “Ara ħu din”, “naħseb din tixraqlek”, “ara hawn din ukoll”, “jekk ma tixtieqx tonfoq ħafna hawn dawn ukoll”, nħossni nippanikja u f’qalbi ngħid: “Jaħasra kieku taf kemm mhux qed tgħini” u nispiċċa nwieġeb: “Ġejt biex nara biss ta”, u bil-mod il-mod nlebbet il-barra u kif noħroġ ngħid: “Fl-aħħar ftit arja!”.
Qalbna faċli tispiċċa fl-istess sitwazzjoni. Ġieli jiġrilna li qalbna tisma’ ħafna ilħna ta’ ħafna persuni li jridu jbiegħu xi ħaġa lil qalbna. Tispiċċa ma tikkonċentrax għax ħafna jkunu dawk li kważi jisfurzawk tixtri xi ħaġa; ħafna jkunu dawk li anke jekk ma jkollok bżonn xejn jippruvaw b’kemm għandhom saħħa joħolqu fik il-bżonn ta’ xi ħaġa. Kultant dawn jinfurzaw ruħhom fuqna, drabi oħra nkunu aħna li nbexxqulhom il-bieb ta’ qalbna għax b’xi mod niġu sedotti biex nimlew qalbna b’xi ħaġa li donna ser tagħtina l-ferħ. Normalment nispiċċaw f’baħar ta’ konfużjoni.
Din il-konfuzzjoni li kienet qed tirrenja ukoll fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Ġesu’ taqbiżlu; ma setax inizzilha li spazju sagru jimbidel f’suq. Kien hemm wisq ilħna, biex ikun possibli li f’dik il-konfużjoni kollha jinstema’ l-leħen ta’ Alla. Ġesu’ jibda d-diskors tiegħu fuq it-tempju ta’ Ġerusalemm imma imbgħad ikompli fuq “it-tempju tal-ġisem tiegħu”. Jgħidilhom biex iħottu t-tempju u fi tlett’ ijiem jerġa’ jibnieh.
Ġesu’ jgħolli l-livell tad-diskors minn tempju tal-ġebel għat-tempju li kien hu. Il-Knisja tgħallimna li aħna ukoll nipparteċipaw minn dan kollu. Fil-magħmudija aħna wkoll sirna tempji; tempji tal-Ispirtu s-Santu. Jekk Ġesu’ jagħmel għaġeb, u bir-raġun għax it-tempju ta’ Ġerusalemm ma baqax spazju sagru minħabba il-bejjiegħa li għamluh monti, kemm iktar jinkwieta jekk aħna nagħmlu minn qalbna suq.
Faċli tiġrilna din il-ħaġa. Huwa faċli immens li qalbna ssir ambjent tal-kompromessi; fejn impartu u nbiegħu; fejn għal naqra qliegħ illi jgħaddi nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem. Kemm hu faċli li qalbna ma tibqax taf xi trid għax joħonquha l-ilħna tal-bejjiegħa li jridu jbiegħu il-prodotti tagħhom akkost ta’ kollox.
Fil-magħmudija tagħna aħna ġejna kkonsagrati; iġifieri sirna propjeta’ ta’ Alla. Ġesu’ jiddejjaq ħafna li t-tempju ta’ Ġerusalemm ma baqax post ta’ konsagrazzjoni, ma baqax propjeta’ ta’ Alla. Kemm iktar jiddejjaq meta qalbna ma tibqax propjeta’ tiegħu! U dan jagħmlu mhux għax għajjur, imma għax jaf tajjeb li meta nbiegħu lil qalbna, dejjem hemm prezz għoli x’inħallsu. Meta nbiegħu lil qalbna naħsbu li ser nagħmlu l-qliegħ, naħsbu li ser ikollna xi ħaġa li fl-aħħar issa ser tissodisfana. Iż-żmien normalment jurina li mhux biss ma nkunux għamilna qliegħ imma talli jkollna nħallsu bl-imgħax biex nergħu nieħdu qalbna lura.
Irrabbja mela Ġesu’, u fittex urina fejn hi qalbna.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem.