It-Tielet Ħadd tal-Avvent

Fit-tielet Ħadd tal-Avvent nergħu niltaqaw ma’ Gwanni il-Battista. Ġwanni huwa personaġġ li donnu xi ftit ‘l bogħod mis-sensibilitajiet tagħna, imma wkoll mudell ta’ bniedem ċert minnu inniffsu, ċert dwar l-identita’ u il-missjoni tiegħu, kif ukoll bniedem umli, umli biżżejjed li kien kapaċi jbiddel dik li kienet l-idea li kellu dwar Alla, umli biżżejjed biex meta jifilġu d-dubju jibgħat jsaqsi lil Ġesu’ jekk hux hu dak li għandu jiġi jew kellhom jistennew lil xi ħadd ieħor. Tassew grazzja li llum il-Kelma tlaqqana ma’ Ġwanni il-Battista, espert tal-ferħ!

Araw kif dan Ġwanni il-Battista huwa espert tal-ferħ. Kien għadu qas biss twieled meta San Luqa jgħidilna li qabeż bil-ferħ hekk kif Marija sellmet lil ommu Eliżabetta. Araw naqra x’tgħid Eliżabetta lil Marija:

”Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!" 

Ġwanni bħal donnu jifraħ lil Marija li emmnet li jseħħ kull ma qalilha il-Mulej. X’differenza minn missieru Żakkarija li ma emminx u spiċċa mutu.

Ġwanni jifraħ ukoll meta qalulu li Ġesu’ kien qed jgħammed u li kulħadd sejjer għandu. Hu b’umilta’ tal-għaġeb iwieġeb: 

"Ħadd ma jista' jirċievi xi ħaġa jekk ma tingħatalux mis-sema. Intom stess tistgħu tixhdu li jiena għedtilkom li 'jien m'iniex il-Messija,' imma biss li 'jien kont mibgħut qablu.' Dak li għandu l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib ta' l-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma' leħen l-għarus. U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. Jenħtieġ jikber hu u niċkien jiena."

Dan hu il-kobor ta’ Ġwanni, li l-ferħ tiegħu jinsab fli jara lil Ġesu’ jikber. Ġwanni m’għandux biżgħa li l-attenzjoni tiġi meħuda lilu u tingħata lil ħaddieħor. Tafu intom li l-ikbar għadu tal-ferħ hija il-biżgħa. U x’inhi il-biżgħa jekk mhux dak is-sentiment ta’ paniku għax inħoss li sejra titteħidli xi ħaġa! X’inhi il-biżgħa jekk mhux dak is-sentiment ta’ inċetezza għax naħseb li xi ħaġa għażiża għalija bħax-xogħol, relazzjonijiet, saħħti, il-paċi fil-familja ser jiġu misruqa lili! Ġwanni ma jibżax li hu jibqa’ b’xejn.

Illum il-Knisja qed tistedinna għal ferħ fi żmien meta ħafna lesti jħallsu prezz għoli ħafna biex jiksbu ftit ferħ. Kemm minna niġru minn ħanut għall-ieħor bit-tama li dak li nixtru jagħtina il-ferħ? Kemm hawn min jiġri minn relazzjoni għall-oħra jittallab ftit attenzjoni u ferħ? Kemm nies delużi għax donnhom ma jistgħux isibu dak li qalbhom tant tixtieq? Forsi il-problema ma tkunx li mhux qed ifittxu fil-post it-tajjeb dak li qalbhom trid!?
Jiġri wkoll li sfortunatament fil-girja sfrenatata għal ferħ ninsew li ta’ madwarna għandhom ukoll bżonn li jifirħu, li qalbhom imxennqa għal ferħ? Il-ġirja tispiċċa waħda egositika. Il-ġirja għal ferħ titlaq dejjem minni, mill-“Jien” tiegħi li għandu bżonn xi ħaġa!

Araw naqra Ġwanni, jifraħ għax Ġesu’ jikber. Żgur li anke intom kellkom togħma ta’ dan il-ferħ; meta rajtu lil xi ħadd għażiż għalikom jikber, jimmatura u intom forsi tajtuħ daqqa t’id f’dan il-proċess. Il-ferħ ta’ Ġwanni jiddependi mill-ferħ ta’ Ġesu. Ġwanni ma jagħmillux bsaten fir-roti lil Ġesu’ għax donnu qed jeħodlu postu. Anzi jifraħ! Żgur li ġieli iltqajtu ma’ xi ħadd li ma jafx jifraħ bil-ġid ta’ ħaddieħor. Kemm issir insopportabli il-ħajja għalih, dejjem mifni bil-għira, dejjem f’ġirja għax ma jmurx xi ħadd jaqbżu, jgħaddiħ.

Kbir Ġwanni li jifraħ għax Ġesu’ qed jgħaddih. Kbir inkun jien meta nifraħ bil-ġid ta’ ħaddieħor, imma wisq ikbar Alla li magħna juża l-istess loġika. Alla lilna jridna nikbru. Alla jieħu pjaċir li aħna nsiru aħjar,  li niskopru dejjem iktar x’ferħ hemm li nħallu il-Kelma tiegħu tferraħna.

Alla jieħu gost li jien insir Alla. Wieħed mill-ewlenin qaddisin fil-Knisja jgħid lil Alla sar bniedem biex jagħmilna Alla. Għalhekk ġie fid-dinja biex jurina is-sens veru tal-ħajja, jeħlisna minn dak kollu li jxekkilna, li jagħmilna ilsiera. Ġesu’, ġie jgħix magħna biex il-ferħ tiegħu ikun fina, u biex il-ferħ tagħna ikun sħiħ! Dan hu is-sens tal-Milied.

Ejja nilqgħu dan id-don li kultant jidher wisq sabiħ biex ikun veru. Ejjew verament nifirħu dejjem f’qalbna, anke meta il-provi tal-ħajja bħal donnhom ikunu iridu jgħaffġuna. Hu, li sar bniedem, hu li sar tfajjel ċkejken, hu li bata’ fuq salib bħala l-iktar bniedem infami, hu li jaf x’inhu il-morr tal-ħajja jixtieq li l-ferħ tiegħu jkun fina u il-ferħ tagħna jkun sħiħ.

Ftit jibqgħalna x’nagħmlu meta niskopru lil dan Alla, ħlief li ninżlu għarkubbtejna u nadurawh!

Il-Ħadd it-tajjeb