It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Fil-ħajja tagħna hemm realtajiet li lilna jagħtuna ċertu sens ta’ sigurta’. Biżżejjed nħarsu lejn ix-xemx ; qatt ma jgħaddilna minn moħħna li jista’ jiġi mument li din tiddallam, jew li l-qamar jitlef id-dija tiegħu, jew inkella li jaqgħu il-kwiekeb mis-sema. Dawn għalina huma affarijiet stabbli. U ngħiduha kif inhi, allaħares ngħaddu ħajjitna nħarsu lejn ix-xemx biex naraw meta ser tiddallam, jew inkella ma noħorġux barra għax nibżgħu li taqa’ xi kewkba fuqna.

Ftit ilu smajna li xi darba parti mill-Etna tista’ tinżel il-baħar, u għalkemm din mhix xi ħaġa taċ-ċajt,  xorta waħda kulħadd, l-għada ħareġ għax-xogħol. Fatt ikrah bħal dan li jista’ jiġri ma waqqaf lil ħadd mill-ħajja normali tiegħu.

Il-posittiv minn dan kollu huwa l-għarfien ta’ dik il-verita’ eterna, li dak kollu li huwa tal-bniedem jew tan-natura, mhux etern. Nistgħu naħsbu li hu, imma mhux! Allura, f’dimensjonijiet iktar modesti kemm iktar mhumiex eterni dawk l-affarijiet żgħar li ħafna drabi neħlu magħhom aħna, li nitqatlu għalihom, li nibnu ħajjitna fuqhom u li tant jiddispjaċina meta nitilfuhom.

Nistgħu nsemmu listi twal ta’ affarijiet li nistgħu naħsbuhom eterni imma filfatt mhumiex; il-flus, is-suċċess, il-fama, il-poter, is-saħħa tagħna u minn jaf kemm affarijiet oħra li aħna qatt ma jgħaddilna minn moħħna li jistgħu jiġġarfu.

Ġesu’, f’dak li qed jgħid illum jidher ispirat mill-Ktieb ta’ Isaija meta jitkellem dwar il-qerda ta’ Babilonja meta jgħid :

Mis-smewwiet kif iġġarraft, int il-kewkba ta' filgħodu, bin iż-żerniq! Kif stabatt ma' l-art, int li l-ġnus kont tfarrak! U int kont tgħid f'qalbek: 'Nitla' sas-smewwiet, 'il fuq mill-kwiekeb ta' Alla. It-tron tiegħi ngħolli u ngħammar fuq il-muntanja ta' laqgħat l-allat, fi truf it-tramuntana. Nitla' sa fuq qċaċet is-sħab, insir nixbah lil Alla l-Għoli. Imma issa, arak, mġarraf f'art l-imwiet, f'qiegħ l-għammieq.

Allura, Ġesu’ bħal donnu qed jgħidilna: “Fuqxiex qed tibni ħajtek”? “X’inhuma dawk l-affarijiet li għalik huma tant stabbli li ma timmaġinax li xi darba jistgħu jiġġarfu huma wkoll”? “Hemm xi nies li tellajthom is-sema u kważi kważi poġġejthom flok Alla”?  “Taf li anke huma jistgħu jiddeluduk”? “Wara xiex qed tiġri biex ikollok sens ta’ sigurta’ f’ħajtek”? Forsi nibżgħu nisimgħuha, anke jien filfatt niddejjaq naħseb fuqha imma: “Konxju li saħħtek ukoll xi darba ser tħallik ukoll?”

Forsi tista’ tgħidli: “Ommi, x’teqred Fr dalgħodu”. Ejja nħarsu lejha minn lenti oħra mela. Ġesu’ jgħid: “Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja”. U “Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb”.

F’kelma waħda, din il-Kelma mhix tal-biżgħa, imma ġġorr fiha tama kbira. Il-Mulej qed jgħidilna, li meta jiġġarfu l-idoli, meta jaqaw dawk l-affarijiet li int kont taħseb li mhu ser jinstabtu qatt, propju f’dak il-mument jibda l-ħelsien tiegħek. Jekk xejn, il-ħelsien mill-idoli, li jagħmlu minn kollox biex jiġbduk lejhom imma qatt ma jistgħu jagħtuk dak kollu li jwiegħduk. Huma jafu b’dan, int normalment le.

Hawn hi t-tama! Li meta mmiss il-qiegħ fid-delużjoni għax waqgħu dawk l-affarijiet u persuni li kont nemmen li huma l-blata tas-salvazzjoni tiegħi; dawk l-affarijiet u nies li bnejt ħajti fuqhom; li weħilt magħhom, jidher ġej Hu, b’qawwa kbira u bi glorja.

U x’jiġi jagħmel Hu? Jiġi jqiegħed il-prijoritajiet f’posthom. In-nies ma tibqax tidealizzahom, ma tibniex ħajtek fuqhom imma tħobbhom anke jekk jiddeluduk. Il-fraġilita’ tagħhom tibda tagħmel parti mill-equation ta’ min huma, x’jistgħu joffru u x’qed tippretendi mingħandhom. Tinħeles mill-kilba żejda għal-ġid tal-art u mill-gidba faħxija li int ser tibqa’ hawn għal dejjem u li forsi hemm ċans tieħu kollox, jew almenu xi ħaġa miegħek. Jekk bnejt ħajtek fuq is-suċċess u l-prestiġju, il-fama u l-approvazzjoni tibda tirrealizza li int m’intiex Alla, u normalment in-nies illum iċapċpu lilek, għada se jċapċpu lil ta’ warajk. Jekk, bnejt ħajtek fuq saħħtek, tasal tinduna li xi darba din ser tonqsok ukoll u anke f’dak il-mument int msejjaħ tgħix. Tinħeles mill-gidba li fil-ħajja kollox jista’ jmur sew u kollox irid ikun perfett, u min jaf forsi tieqaf tgerger ukoll!

Għiduli din hux liberta’? Forsi għandu ragun il-malti meta jgħid: “Tagħmel lil ħadd (u lil xejn) Alla”. Għax Alla huwa wieħed, u kull persuna jew ħaġa li int tagħmel ‘alla’, skond il-loġika hija ‘alla falz’.

Alla wieħed Hu. Is-sema u l-art jgħaddu iżda kliemu ma jgħaddix!

Il-Mulej jagħtikom is-sliem