L-10 Ħadd ta' żmien matul is-Sena
Baqgħu barra…
Naħseb li ġieli sibtukom f’sitwazzjoni fejn tkunu qed tagħmlu t-tajjeb imma tħossu li m’intomx mifhuma. Ġesu’ għadda minn din is-sitwazzjoni propju fis-silta li għadna kemm smajna. Kemm il-familjari ta’ Ġesu’, kif ukoll il-kittieba li qagħdu jieħdu l-kedda li jinżlu minn Ġerusalemm ikkonkludew li Ġesu’ kien fl-iżball. Il-familjari tiegħu taw raġuni psikoloġika ‘tilef moħħu’; il-kittieba spjegazzjoni teoloġika: “Dan għandu fih xitan”.
X’kien ir-riżultat? Baqgħu ‘il barra mill-familja ta’ Ġesu’! Il-preġudizzju psikoloġiku jew reliġjuż kienu ta’ impediment għalihom biex jidħlu f’relazzjoni miegħu u japprezzaw il-kobor tiegħu. Min kien nieqes mill-preġudizzju u mill- konklużżjonijiet mgħaġġla spiċċa bilqiegħda madwaru. Saru jagħmlu parti mill-familja tiegħu.
Lilna ħafna drabi jiġrilna l-istess. Nagħlqu l-bibien għall-grazzja, għall-Ispirtu s-Santu minħabba l-konklużjonijiet mgħaħħla li nkunu ġa għamilna aħna, f’moħħna. Kemm jiġrilna kultant li ma nibqgħux nikbru, u nwaqqfu l-iżvilupp tagħna għax inkunu wasalna għall-konkluzzjonijiet żbaljati u neħlu magħhom. Ilkoll kemm aħna għadna realtajiet f’ħajjitna li ma rridux nisimgħu iktar min ikellimna dwarhom għax aħna ġa ħriġna bil-konklużjonijiet tagħna. Jista' jkun li aħna wkoll nispiċċaw nagħmlu l-iżball u niġġudikaw u nikkonkludu ħwejjeġ mhux veri fuq ħutna u nispiċċaw nagħmlu iktar ħsara milli ġid. Dak li nagħmlu ma' ħutna, nistgħu nispiċċaw nagħmluh ukoll ma' Alla.
Jista’ jiġrilna li dawn il-konklużżjonijiet ma jħalluniex naraw iktar dik il-qalb tħabbat ta’ Ġesu’ għalina:
Forsi ġa kkonkludejna li għalina m’hemmx tama, li f’ħajjitna mhu ser jimbidel xejn allura l-preżenza jew l-assenza ta’ Ġesu’ f’ħajjitna ftit li xejn ser tagħmel differenza. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
Forsi kkonkludejna wkoll li l-importanti fil-ħajja li taħseb għal rasek, li tibni imperu hawn fl-art għax wara kollox ħadd mhu ser jaħseb għalik, lanqas Alla. Allura arana f’ġirja sfrenatata biex dejjem inkunu aħjar, biex dejjem ikollna kollox, nies bil-ġuħ, li nieklu kemm nieklu ma nixbgħu qatt. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
Forsi kkonkludejna wkoll konklużżjonijiet qaddisa bħal ngħidu aħna li nistgħu nsiru qaddisin bl-isforzi tagħna biss u allura arana naħdmu biex insiru qaddissin bil-ħila tagħna u nikkonkludu li l-qdusija hija biss ħidma fuq ir-rieda, u li Alla ftit li xejn għandu x’jaqsam magħha. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
Forsi kkonkludejna wkoll li ġaladarba ir-realta’ li ħalla Ġesu’ fuq l-art biex tkun xhieda tal-imħabba tiegħu (il-knisja) hi realta’ daqshekk fraġli, kultant b’imperfezzjonijiet żgħar, drabi oħra bi dnubiet kbar allura lanqas lilU mhu ta’min jafdah. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
Forsi kkonkludejna, frott ta’ esperjenzi qarsa li għaddejna minnhom f’ħajjitna li Alla huwa kontra tagħna. Nirraġunaw li seta’ ħa ħsiebna meta kellna bżonn, seta’ kien iktar evidenti meta aħna l-iktar li ħassejna ruħna weħidna. Allura, la ma kienx hemm, m’hemmx għalfejn nduru lejH issa. Insomma nkunu qattajna l-karti miegħu. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
Forsi kkonkludejna wkoll li ġaladarba iġġudikajnieh daqshekk, issa jmiss lilu li jiġġudika lilna u allura nibżgħu minnu. U nibqgħu barra mill-familja ta’ Ġesu’.
B’dan kollu f’qalbna u quddiem għajnejna żgur li ma nistgħux narawh lil Ġesu’. Imma nserrħu rasna li Hu jibqa’ jarana. Ġesu’ ma jridx li aħna ma niġġudikawhx, li ma naslux għall-konklużjonijiet anke żbaljati dwaru, irid biss li dan kollu nagħtuhulu. Kemm drabi jiġrilna li niġġieldu magħna nfusna biex ineħħu minn quddiemna u minn quddiemu kull ma naħsbu li ma jixirqilniex, jew li ma jixraq lilU? Kemm niġġieldu kontra ħsibijiet u tentazzjonijiet, imma kemm aħna kapaċi dawk il-ħsibijiet immorru bihom quddiemu?
L-imħabba tiegħu biss tista’ tagħtina l-grazzja li dak li hu tagħna jimbidel f’dak li hu tiegħu, u anke jekk imperfetti u midimbin nibdew nagħmlu parti mill-familja ta’ Ġesu’.
Il-Ħadd it-tajjeb