L-Għoxrin Ħadd ta' matul is-Sena
Meta nstema’ dan il-Vanġelu l-ewwel darba ħadd ma fehmu. Ma fehmuhx is-semmiegħa ta’ Ġesu’, tant li ħafna minnhom wara dan id-diskors ħallewh. Anqas fil-bidu tal-esperjenza nisranija, mhux mill-ewwel sab art fejn inibbet.
Is-semmiegħa ta’ Ġesu’ ħassew ruħhom skandalizzati għax Ġesu’ donnu kien qed ixerred ideat kannibalistiċi, xi ħaġa li kienet projbita mill-liġi lhudija. L-esperjenza nisranija ukoll sabet diffikulta’ li tilqa’ dan il-kliem minħabba kurrenti li kienu iktar jeżaltaw id-divinita’ ta’ Ġesu’ milli l-umanita’ tiegħu. Dawn it-talin kienu jaraw f’Ġesu’ in-natura tiegħu ta’ Alla u jħassru in-natura tiegħu ta’ bniedem, b’konsegwenza li allura anke fil-ħajja tal-bniedem eżaltaw l-ispiritwalita’ b’dannu għal dik li hi l-umanita’. U Ġesu’ jgħid: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi huwa xorb tassew”.
Ġesu’, f’bilanċ assolut, jispjeġa li ġismu huwa ħobż ħaj li nieżel mis-sema, fl-istess ħin huwa ħobż tassew, realta’ purament umana.
Anke aħna jista’ jiġrilna li ninsew l-umanita’ tagħna u naħsbu li l-ħajja nisranija jew il-ħajja fl-ispirtu hija ħarba minn dak kollu li hu tal-bniedem. Kemm qaddisin kienu għaqlin f’dan u ma ċaħdu qatt l-umanita’ ta’ Alla u tagħhom. Kemm għoġba f’San Franġisk t’Assisi quddiem il-misteru ta’ Ġesu’ magħmul bniedem. Anke jekk anke San Franġisk, għal xi mument ħaseb li l-ħajja nisranija hija biss tgħakkis tal-ġisem, fl-aħħar jasal jitlob maħfra lil “Fratello Corpo” tal-ħsara li kien għamillu. L-istess Dun Ġorġ Preca f’Malta kemm għożża għal dan il-misteru tal-għaġeb li Alla jsir bniedem. U xi ġmiel ta’ frażi dik li tmur tgħid Santa Tereża t’Avila, waħda minn dawk li waslet fil-quċċata tal-Ispiritwalita’ nisranija: “Jiena naraha ħaġa ċara li, jekk irridu nogħġbu lil Alla u nirċievu grazzji kbar mingħandu, hu jrid iwasslilna kollox permezz ta’ l-Umanità qaddisa ta’ Kristu”.
Sfortunatament ġara, li matul is-sekli, it-tentazzjoni li nikkonċentraw biss fuq il-ħajja tal-ispirtu biss, b’esklużjoni tal-umanita’ tagħha rebħet u bosta kienu d-drabi fejn l-esperjenza umana, il-ġisem u s-sesswalita’ tiegħu ġew mogħtija l-ġenb. Ftit irrealizzajna li meta ma tagħtix kaz l-esperjenza umana u l-qawwa tal-għaġeb li ġġor fiha, illum jew għada tirritorna b’qawwa akbar li tasal tagħmel il-ħsara lilek u lil ta’ madwarek. L-ebda esperjenza nisranija, anke l-ikbar waħda mistika ma tistax tirnexxi jekk ma tgħaddix mill-ġisem.
Kien Alla li għażel din it-triq. Kien hu li l-ikbar misteru ta’ mħabbtu, ma sabx mod ieħor kif jurieh jekk mhux billi Ibnu jsir laħam. Meta Alla sar bniedem qaddes kull realta’ umana. Allura x’inhi l-vokazzjoni tagħna? Waħda, dik li nsiru aktar bnedmin, li nkunu komdi fir-realta’ tagħna l-bnedmin. Jekk naqgħu għat-tentazzjoni li rridu ħajja spiritwali, mingħajr dak kollu li jagħmel ir-realta’ umana tagħna, nsiru riġidi, morda u nkunu qed nħejju ruħna għall-żbalji kbar.
Alla qed issejjaħlek biex inti tkun bniedem tassew; biex tħalli dak li hu ta’ Alla jsebbaħ dak kollu li hu tal-bniedem. Allura poġġi quddiemu dak kollu li int; dik il-biċċa ħobż dgħajfa li int; bil-fraġilitajiet kollha li għandek u jkun Hu li dik il-biċċa ħobż dgħajfa jagħmiha, mhux biss denja ta’ Alla, imma Alla. Kemm kienu għorrief l-ewwel missirijiet tal-Knisja meta qalu: “Alla sar bniedem biex aħna nsiru allat”. Għalhekk taħbi xejn minnu, għaliex kollox Alla għamel, u int kif int, int dehen tiegħu.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem