Marija Omm Alla
Dan l-aħħar fettilli mmur nara film “The man who invented Christmas”. Għoġobni mmens. Jittratta dwar kif l-awtur ċelebri Ingliz Charles Dickens kiteb in-novella ‘A Christmas Carol’. Il-ġenju tal-film huwa li jirnexxielu jgħaqqad tlett stejjer f’waħda; is-sitwazzjoni personali ta’ Dickens li kważi sfurzatu jikteb in-novella, l-istorja tan-novella fiha nfisha (Scrooge u sħabu) u l-passat ta’ Dickens inniffsu.
Għal min ma jiftakarx l-istorja tirrakkonta lil Scrooge, bniedem xħiħ, b’qalbu magħluqa. L-istorja tibda bi Scrooge li jiltaqa’ ma sieħbu Jacob Marley, xħiħ bħalu li jkun miet 7 snin qabel. Marley jidhirlu mdawwar fi ktajjen kbar li qajla seta’ jimxi bihom. Meta Scrooge jsaqsi lil Marley il-għala kien hekk marbut, Jacob iwieġbu li dawk kienu r-riżultat tax-xeħħa tiegħu li għaliha issa qed ibati. Jħabbarlu li f’dak il-lejl kienu ser jidhrulu 3 spirti; tal-Milied passat, tal-Milied preżent, u tal-Milied li ġej. Il-Milied passat juri lil Scrooge il-milied fqajjar ta’ tfulitu, b’nuqqas kbir ta’ mħabba. Il-Milied preżent ipoġġi quddiem Scrooge id-dwejjaq tiegħu f’kuntrast mal-familja ta’ Tiny Tim li minkejja li kienet familja fqira ħafna kienet għanja fil-ferħ. Il-Milied futur juri l-ferħ tan-nies għall-aħbar li Scrooge kien miet. Dawn id-dehriet jibdlu l-qalb ta’ Scrooge li jasal ikun l-ikbar benefattur ta’ Tiny Tim, u l-ferħ tal-Milied jerġa’ jitkebbes f’qalbu.
Fil-film Dickens jiltaqa’ mal-karattri li jkun qed joħloq u mhux biss jirnexxielu jagħti titwila lill-passat ta’ Scrooge, il-bniedem xħiħ li ma kienx jemmen fil-Milied, imma wkoll jirnexxielu jerġa’ lura lejn il-passat infeliċi tiegħu; il-faqar ta’ tfulitu, l-arrest u t-tfiegħ il-ħabs ta’ missieru. Jekk l-ispirtu tal-Milied jieħu lil Scrooge lejn il-passat tiegħu, miegħu jieħu ukoll lil Dickens. Jekk Scrooge jirnexxielu jiskopri li l-esperjenzi ta’ tfulitu kienu qed jwebbsulu qalbu fil-preżent u jikkundannawh għal-futur imdallam, hekk jiġrilu wkoll Dickens.
Wara li lesta in-novella Dickens jimbidel f’raġel inqas żorr ma’ martu, jaċetta is-seftura li f’mument ta’ rabja kien keċċa u jaċċetta lil missieru bil-fallimenti passati u preżenti tiegħu. Dan jirnexxielu jagħmlu għax jagħmel paċi mal-passat infeliċi tiegħu. Dickens joħroġ mill-vittimiżmu tiegħu u mill-espressjonijiet fatali tiegħu.
Kemm jiġrilna hekk aħna wkoll. Kemm ngħixu l-preżent bi qtiegħ il-qalb u l-futur bla tama għax inħossuna nkapaċi li mmorru lura lejn il-passat tagħna u nfittxu l-għeruq tal-bżonnijiet preżenti tagħna? Kemm inqisu normali li naġixxu b’ċertu mod fil-preżent għax ma nindunawx li l-mod kif naħsbu huwa magħġun fil-passat tagħna? Kemm inwaħħlu fl-oħrajn bħala s-sors tal-infelicita’ tagħna imma ma nindunawx li bħal Jacob Marley qed nġorru ħafna ktajjen? Kemm jiġrilna li rridu nfejjqu l-atteġġjamenti żbaljati tagħna, imma ma nfejjqux l-għeruq li qed jinfluwenzawna fil-preżent? Kemm kliem fil-vojt: “Għax jien hekk magħmul”, “Għax jien ġrali hekk u hekk” “Għax fil-passat ġabu ruħhom ħażin miegħi”! Nispiċċaw nemmnu ħafna drabi li l-esperjenzi tagħna jikkundizzjonawna. Jinfluwenzawna iva, imma m’aħniex ikkundannati li nkunu ikkundizzjonati għal dejjem mill-esperjenzi tagħna. Jekk hemm ħaġa li jekk nitilfu ma nikbrux, żgur li hija t-tama.
Il-bidu tas-sena hija normalment assoċjata mal-proponimenti li ħafna drabi niksru fi 3 ta’ Jannar, jekk mhux fi 2 ta’ Jannar. Għaliex jinkissru daqshekk malajr il-proponimenti li nagħmlu? Normalment għax jaħdmu biss fuq atteġjament li qed idejjaqna imma mhux fuq il-kawża passata ta’ dak l-atteġġjament. L-ewwel irridu niskopru għaliex aħna qed nġibu ruħna hekk. Rridu nfejjqu dik il-weġgħa li ġġegħlna naġixxu b’dak mod li jdejjaqna. Mistoqsija fundamentali hija ‘għaliex’. Meta niskopru l-għeruq u naħdmu fuqu, imbgħad nistgħu naħdmu fuq l-atteġġjament li mhux joġgħobuna. Tajjeb nsaqsu u nfittxu l-għeruq tal-atteġġjamenti preżenti tagħna: Regħba, fama, poter, pjaċir, rabja, tqassis, firda, vendetta, għira u oħrajn.
Il-proponiment huwa biss ix-xewqa li nkun aħjar, li hija tajba, imma mingħajr ix-xogħol kollu li nsir naf lili nniffsi jispiċċa biss ħolm fl-arju. Meta taħdem fuq minn fejn int ġej, min fejn ġejjin l-atteġjamenti tiegħek, tista’ ma tagħmel l-ebda proponiment.
Hemm bżonn immorru lura, u naraw x’naqasna mhux biex nibqgħu nixxenqu għal dak li naqasna, imma biex nikkonvinċu lilna nfusna li r-risposti li tajna fil-passat forsi kienu adegwati għall-eta’ li kellna, imma issa kbirna u r-risposti iridu jkunu iktar maturi. Prova ilbes il-ħwejjeġ ta’ meta kont tfal. Kienu tajbin għal dak iż-żmien, illum tilbes ħwejjeġ oħra. L-istess illum mistieden tagħti risposti oħra.
Fittex ukoll u tara kif Alla kien hemm fl-esperjenzi li llum tqishom li kienu ta’ falliment għalik. Meta tiskopri li Alla kien hemm ukoll ma tibqax taħseb li kollox kien dlam. Marija kellha biex tisħet lil Alla wara li telaq l-anġlu; vjaġġ għal Betlem, bla post fejn twelled, il-ġenn ta’Erodi, ħarba lejn l-Eġittu, titlef lil binha u l-qtil ta’ binha il-maħbub. Madanakollu: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”.
Ejjew ngħożżu l-kliem li Papa Franġisku ta lill-persuni Kkonsagrati fit-28 ta’ Novembru 2014. “Nħarsu lejn il-passat bi ħniena, ngħixu l-preżent b’passjoni, ngħannqu l-futur b’tama”.
B’dawn is-sentimenti verament is-sena tkun waħda tajba u l-countdown u l-Auld Lang Syne ma jkunux biss ċaqliq u paroli fil-vojt!
Awguri minn qalbi
Bilħaqq...Is-sena t-tajba lil kulħadd.