V Ħadd tal-Għid
“Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Immaġina jiġi xi ħadd fuqek u jgħidlek: “Mingħajri ma tista’ tagħmel xejn”. Inti wisq probabbli f’qalbek jew b’vuċi li tinstema’ tgħidlu: “Sieħbi, int min taħseb li int”? Kważi għandek kull dritt tiġġudikah u tgħid li t-tali huwa mimli bih inniffsu, li kibritlu rasu, li ma jafx x’inhu jgħid. Ngħiduha kif inhi mhux bilfors li jkollok tort f’dan il-ġudizzju. In-natura indipendenti tiegħek abbli malajr tirribella lejn xi ħadd li mal-ewwel daqqa t’għajn bħal donnu jrid jagħmlek dipendenti fuqu; irid jaħkmek.
Min qal din il-frażi kien żgħażugħ ta’ bejn wieħed u ieħor tlieta u tletin sena. Żgħażugħ li dar dejjem fl-istess kilometri ta’ art; li qatt ma baħħar, qatt ma siefer, li ma kienx sultan, li ma kellux flus, li ma kien jiġri wara l-popolarita’, li ma kellu setgħa fuq ħadd.
Allura x’jedd kellu li jiġi jgħidlek li mingħajru ma tista’ tagħmel xejn?
L-unika preokupazzjoni tiegħu kienet li inti tista’ (Alla ħares qatt) ma tagħmilx frott. Mhux inkwetat li int jista’ jkun li ma tinfaqax bil-flus, anqas mhu jinkwieta li int tista’ ma tkunx popolari. L-inkwiet tiegħu mhux li int ikollok is-setgħa fuq xi ħadd, u anqas li tagħmel konkwisti kbar. Mhux l-inkwiet tiegħu li int ma tiksibx suċċess jew li ma tkunx effiċċjenti daqskemm id-dinja tridek li tkun effiċċjenti. L-inkwiet tiegħu hu li int ma tagħmilx frott. Infatti jgħid: “Jiena d-dielja vera u missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar”. U jkompli: “Din hi l-glorja ta’ missieri, li intom tagħmlu ħafna frott, u tkunu dixxipli tiegħi”. Jixtieqek tikber, tisbieħ u tagħmel il-frott".
U x’inhu dan il-frott?
Wieħed mill-ikbar ħbieb tiegħu stqarr li l-frott tal-Ispirtu huma dawn li ġejjin: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan”. Mentri, jkompli l-appostlu li: “L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta' rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbaħrid, u ħwejjeġ bħal dawn”.
Tifhem li l-ewwel tip ta’ frott jagħmluk ħieles; mentri it-tieni tip ta’ frott huma kollha ħwejjeġ li fil-verita’, anke jekk fil-bidu jidher bil-kontra, joħonqulek il-liberta’. Il-bniedem tassew ħieles huwa dak li kapaċi jirresisti r-rabja, kapaċi ma jifridx, ma jgħirx. Li tagħmel l-għemejjel tal-ġisem huwa ħafna iktar faċli, imma hemm prezz xi tħallas; il-bejgħ tal-liberta’ tiegħek.
Ikompli d-dixxiplu tiegħu: “Kristu ħelisna biex ngħixu ta' nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar”.
Huwa ovvju li ma tistax tikseb il-frott tal-Ispirtu bil-ħila tiegħek biss. Is-Self Healing waħdu ma jeżistix, huwa permezz tal-istess Spirtu ta’dak li qallek li mingħajru ma tista’ tagħmel xejn li inti tista’ tikseb il-ħelsien veru.
Kif tarmi lilU; miegħu tarmi l-liberta’ tiegħek ukoll. Għalhekk dik li fil-bidu dehret bħala dipendenza jew ħakma, issa issir għajn ta’ liberta’, għax mingħajru u mingħajru biss ma tista’ tagħmel xejn. BiH tista’ tagħmel kollox, tibda ftit ftit tinħall minn kull ma jżommok skjav u tieqaf tibża’ li titlef xi ħaġa għax ma jkollokx iktar x’titlef. Tieqaf tibża’ titkellem għax taf li bli tgħid mhu ser titlef xejn għax fiH għandek kollox; u fid-dlam tkun fid-dawl, fil-biżgħa tkun qawwi, fil-mard f’saħħtek, fil-ħabs liberu.
Tal-għaġeb dak li kiteb l-appostlu mill-ħabs ta’ Ruma qrib is-sena 0060: “Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta' Alla m'hijiex marbuta”.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem