VI Ħadd tal-Għid
Dan l-aħħar kont party ta' birthday u min kien qed jiċċelebra għeluq sninu qal: "L-ikbar kontribut li għamilli t-tali kien meta qalli li jien tiġieġa". Ħadd ma fehem mall-ewwel u l-kumment tat-tali għall-bidu, f'għajnejna deher kemmxejn dispreġġattiv, sakemm min kien qed jiċċelebra l-birthday spjega iktar fid-dettal. Il-frażi kompluta kienet li t-tali, li nżerta kien patri, qal lil din is-sinjura: "Jien irrid nagħmel minnek ajkla u int trid tibqgħali tiġieġa". Hekk id-diskors ħa sens ieħor u kulħadd fehem kemm dan il-patri kellu għal qalbu li din il-persuna tikber. Żgur li tgħin lil xi ħadd biex jikber hija forma privileġġjata ta' mħabba. Ġesu' fil- Vanġelu tallum jgħid lill-appostli tiegħu li hu ħabbhom kif il-Missier ħabb lilu. Qed jitkellem dwar l-imħabba, kelma li lilna ġġenninna. Nieħdu n-nifs xħin nisimgħuha u ħafna drabi nsibuna nixxenqu għaliha.
Imma x'inhi l-imħabba? Ħafna drabi jkollna l-idea li l-imħabba hija biss kwistjoni ta' tgħannieq, bews u viċinanza fiżika. Ovvjament dawn huma kollha sinjali ta' mħabba, imma nafu wkoll li kultant jistgħu jkunu eżattament l-oppost ta' dak li oriġinarjament suppost li jfissru. Ġuda l-Iskarjota lil Ġesu' biesu, imma ħadd ma jista' jgħid li f' dak il-mument li kien qed ibusu kien qed iħobbu! Kultant għadna l-idea li l-imħabba hija biss dawk is-sentimentimenti romantiċi li nisimgħu f'ħafna mill-love songs. Jiġrilna li nifmhu l-imħabba biss fl-ewwel stadji tal-innamorament (falling in love). Nafu wkoll li anke f'dan il-mument l-imħabba tista' ma tkunx fil-verita' kollha tagħha, u jekk ma timmaturax isir biss ġirja sfrenata biex il-persuna li tħobbni timla l-vojt li nkun qed nġorr f'qalbi. Hawn min jaħseb li l-imħabba hija wkoll il-liberta' konċessa lill-individwi biex jagħmlu dak kollu li jridu. Huwa d-diskors ta' meta l-imħabba ma tiġix aċċettata bħala rigal imma meqjusa bħala dritt.
"Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien" jgħid Ġesu'. U kif ħabbhom Ġesu' lid-dixxipli tiegħu? Il-Vanġelu ma jgħidx li qagħad il-ħin kollu jgħannaq fihom. Mela kif ħabbhom? Ġesu' kien preżenti fil-ħajja tagħhom. Qabel xejn l-imħabba hija preżenza. Fuq id-dgħajsa, f'baħar imqalleb Ġesu' kien rieqed, imma kien hemm. L-imħabba hija dik il-preżenza ta' xi ħadd li ma jsolvilekx il-problemi, imma waqt li qed iġġorrhom qiegħed hemm, miegħek.
Ġesu' ħabbhom billi jien kapaċi jismagħhom. Zgur li tiftakruh jisma' dak li kien qed itaqqal qalb Nikodemu meta kien imur għandu billejl biex jiftaħ qalbu miegħu. Ġesu' ħabb id-dixxipli tiegħu billi sfidahom jemmmnu. Mhux dejjem kien ħelu magħhom. Darba minnhom insibuh jgħidilhom: "Kemm se ndum magħkom, kemm se ndum nissaportikom". Dak li kellu jgħidilhom, qalulhom u dan ma jfissirx li ma kienx iħobbhom. Għadna diversi minn dawn il-kummenti: "Nies ta' fidi żgħira", "Boloh u tqal biex tifmhu". Lil Pietru jasal jgħidlu: "Xitan".
Ġesu' jħobbhom billi jħallihom liberi. Ma ridhomx ikkakmati miegħu għax kieku kienu jkunu qegħdin miegħu għax jaqblilhom. Ma wiegħdomx l-ilma jiżfen biex jeħlu miegħu. Infatti kien hu li qalilhom.: "Tridux tmorru intom ukoll". Fil-ġnien taż-Żebbuġ ra kif għamel u talab lis-suldati biex iħalluhom imorru. U hu baqa' waħdu! U dik hija wkoll imħabba!
Ħabbhom billi ma ċapsilhomx id-dnub tagħhom ma' wiċċhom. Kellu għalxiex itihom tgħajjira tajba hekk kif qam mill-imwiet, imma l-ewwel kliem li jlissen kien l-awgurju tas-sliem: "Il-Paċi magħkom". Minkejja il-fraġilita' evidenti tagħhom Ġesu' jafdahom bil-Vanġelu.
Verament minn tiġieġ għamilhom ajkli.
U int lil min tħobb tħallih tiġieġa jew tgħinu jsir ajkla?
Il-Mulej jagħtikom is-sliem.