Il-V Ħadd tar-Randan
Ġieli ġratilkom li tmorru taraw lil xi ħadd marid u jġibilkom ħniena bl-istat li fih ikun jinsab. Naħseb li ilkoll kellna din l-esperjenza li naraw lil xi ħadd li nkunu nħobbu qed ibati u qalbna tingħafas bil-ħniena. Madanakollu forsi ftit nindunaw li f’dak il-ħin tkun qed tintwera’ ħniena magħna. Kif? F’dak il-mument li jien tiġini ħniena minn xi ħadd li jkun qed ibati, tkun qed tintwera ħniena miegħi. Min ikun marid ikun qed jifdini mill-egoiżmu tiegħi, ikun qed jifdini mill-bżonn li nħares biss lejn il-bżonnijiet tiegħi, ikun qed joħroġni minni nniffsi biex jgħin nuri ħniena. Inkun qed ninfeda mid-dnub tiegħi li naħseb biss fija nniffsi.
San Franġisk t’Assisi jista’ jgħina nifmhu dan b’mod sempliċi. Nafu li l-konverżjoni ta’ San Franġisk, iġifieri il-mument li ħareġ ‘l barra u waqaf jadura lilu nniffsu hija l-laqgħa tiegħu mal-lebbruż. Franġisk issa ma jiltaqax iktar mal-fqir li ma jista’ jagħtih xejn imma jiltaqa’ ma’ lebbruż li jista’ jagħtih biss il-marda tiegħu. U lilu jbus! Fehem li jista’ jirċievi ħafna meta l-ieħor ma jista’ jagħtih xejn anzi jista’ jagħmillu l-ħsara. Huwa f’dan il-mument li Franġisk neża’ minn kollox! Dak il-lebbruż seta’ jagħtih xi marda, imma araw xtah. “Dak li qabel għalija kien morr imbidel għalija fi ħlewwa tar-ruħ u l-ġisem”. Hekk jikteb fit-Testment tiegħu. Propju San Franġisk għamel ħniena mal-lebbruż, imma fil-verita’ huwa il-lebbruż li għamel ħniena ma’ San Franġisk.
U propju għalhekk li issa jista jikkontempla il-kurċifiss li għalkemm id-dehra tiegħu iġġiblek ħniena (ma kien fih ebda sura biex inħarsu lejh jew ġmiel biex nitgħaxxqu bih, Isaija) imma huwa Hu li f’dik il-kruha qed jagħmel ħniena miegħu. Għax Franġisk issa ma jħarisx lejn il-kruha tas-salib, tad-dnub imma lejn l-imħabba li wasslitu jsir kruha mdendla ma’ għuda. (“Dak li ma kienx dnub, Alla għamlu dnub għalina”).
Huwa b’dan il-mod li Ġesu’ jiġbed lill-bnedmin kollha lejh meta jintrefa’ ‘l fuq! Huwa il-kurċifiss bil-kruha tiegħu, li waqt li jġiblek ħniena jagħmel ħniena miegħek. Huwa dan il-kurċifiss li jfejjaq. Meta ninduna li Alla ma jarax id-dnub fija imma l-fedelta’ ta’ ibnu msallab għalija. Meta ninduna li Ġesu’ ma ssallabx biex ibiddel l-idea ta’ Alla dwari, imma biex bil-fedelta’ tiegħu jien nibdel l-idea żbaljata li kelli ta’ Alla, jien nfieq.
Huwa dan biss li jfejjaqni - Ħarsa ta’ ħniena. Ħarsa ta’ ħniena fuqi nniffsi (Fid-dawl tiegħek, naraw id-dawl), ħarsa ta’ ħniena lejn id-dnub tiegħi, ħarsa ta’ ħniena lejn d-dnub tal-oħrajn. U dan kollu huwa don! Kollox b’xejn! Il-ġest ta’ Ġesu’ fuq is-salib isir fi gratwita’ totali. Dik hi il-ħniena. Jgħidilna Papa Franġsiku fil-ktieb l-isem ta’ Alla huwa ħniena l-istorja ta’ waħda mara li marret titlob ħniena lil wieħed sultan għall-binha. Is-sultan iweġibha: “Imma ma jistħoqqlux”. Il-mara twieġbu: “Propju għalhekk qed nitolbok il-ħniena għax ma jistħoqqlux”. L-istess Papa jgħidilna li l-ħniena tmur tarġa ‘l fuq mill-ġustizzja umana. Il-ħniena ta’ Alla tiskandalizzana, kif tiskandalizzana il-Ħniena ta’ Ġesu’ fil-Vanġelu. Hija don tiegħu kif jgħid l-istess San Franġisk: “Meta kont għadni fi dnub, il-Mulej tani l-grazzja li nibda nagħmel penitenza b’dan il-mod...”.
Jekk din il-ħniena għadha tiskandalizzana, allura jista’ jagħti l-każ li aħna għadna nqisu ruħna wisq bħala bnedmin ġusti! Jekk nindunaw li aħna midimbin imma maħbuba nistgħu inlissnu mal-Griegi tal-Vanġelu: “Nixtiequ naraw lil Ġesu”. U imbgħad l-imħabba tfejjaqna u d-dawl jieħu post id-dlam, u nikkonvertu.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem