It-II Ħadd tar-Randan

 

“Kemm hu sew li aħna hawn”!

Kemm ilek ma tgħidha din il-frażi?

Kemm ilek ma tgħid li fejn qiegħed tinsab tajjeb?

Spiss jiġri fil-ħajja, li tant inkunu mtaqqla b’dak li nkunu għaddejjin minnu li nsibuha diffiċli nistqarru li fil-ħajja baqa’ xi ħaġa sabiħa, xi ħaġa, li għaliha jiswa’ li tgħix u tmut?

Illum Ġesu’ qed jistedinna nikkontemplaw is-sbuħija tiegħu b’moħħna fis-salib. Innutaw naqra kemm huma ferħanin il-ħbieb ta’ Ġesu’ li jinsabu hemm, waqt li hu, ma’ Mose’ u Elija, jgħidilna wieħed mill-Vanġeli kien qed jitkellem fuq “it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm”! U aħna li ġejna wara nafu kif kellu jkun it-tmien ta’ ħajtu. Sbuħija u ferħ, salib u tbatija jitħawdu f’xulxin.

L-appostli huma ferħanin għax waqt li qed jikkontemplaw il-wiċċ daqshekk sabiħ ta’ Ġesu’ Kristu il-Mulej trasfigurat, anke wiċċhom ġie trasfigurat, u minn wiċċhom ħarġet l-istess dija. Aħna nsiru dak li nikkontemplaw. Il-wiċċ huwa dejjem il-mera tal-qalb u jirrifletti dejjem dak li nkunu qed nikkontemplaw. Jekk qalbna tikkontempla mibgħeda, vendetta, ħsara, nkwiet, biżgħa, dawn kollha jkunu evidenti f’wiċċna sfigurat. Jekk aħna nirriflettu fuq is-sbuħija tal-ħajja minkejja t-tbatija, fuq il-maħfra minkejja il-weġgħat, fuq il-paċi fejn hemm il-gwerrer, fuq l-imħabba fejn hemm il-mibgħeda, wiċċna awtomatikament jirrifletti dan kollu u jkun wiċċ trasfigurat, l-istess bħal tal-Mulej Sidna fi sbuħija kollha tiegħu.  

Ġesu’ jiddeċiedi li jitrasfigura ruħu quddiem l-appostli tiegħu, biex meta jkunu taħt is-salib, wiċċhom ma jimbidilx imma jibqa’ jilma b’dak li kienu raw qabel fi trasfigurazzjoni. Wiċċhom kellu (anke jekk sabu xi diffikulta’ jagħmlu dan) jibqa’ jirrifletti is-sbuħija tal-Mulej Ġesu’! U jien quddiem id-diffikultajiet, kemm jien kapaċi ninduna li fil-ħajja mhux kollox imur żmerċ? Kemm jiġrili li f’mumenti diffiċli ma nibqa’ nara xejn? Kollox isir dlam u nibda kuljum nemmen li dak id-dlam ser jibqa’ għal dejjem? Anke jien, l-istess bħall-appostli nibża’ xħin nidħol fl-isħaba imma propju minn dik is-sħaba joħroġ il-leħen li jgħidli: “Dan hu Ibni il-maħbub, isma' lilu’”!

Propju waqt li donnu li kollox ġej ħażin li Alla jgħidli li huwa miegħi, li jaf min xiex inkun għaddej. Forsi il-problemi ma jitilqux, imma nibda narahom b’mod differenti, għalija minflok kundanna isiru mezz ta’ salvazzjoni. "Min se jakkuża l-magħżulin ta' Alla, Alla stess hu li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom"? jgħidilna t-tieni Qari. Nibda ftit ftit nifhem li Alla jaħdem kollox għal ġid ta’ dawk li jħobbuħ. Nibda nkun kapaċi ngħid “Iva, kemm hu sew li qed hawn, minkejja li l-ħajja tiegħi ta’ ġenitur donna falliet, l-istess ir-relazjonijiet tiegħi, l-istess ix-xogħol tiegħi, anke dak li nagħmel għall-Mulej, minkejja li jkun hemm min irid iġib il-firda fejn hemm il-għaqda, il-mibgħeda fejn hemm l-imħabba”.

Kemm jien kapaċi nibqa’ nirrifletti (nħares lejn) wiċċ Ġesu’ u wiċċi jibqa’ jirrifletti (juri) il-wiċċ ta’ Ġesu’ lill-oħrajn?

Iebes dan il-kliem, min jista’ jifhmhu? Mulej agħtina d-dehen.